Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard ħabbar l-introduzzjoni ta’ servizz ġdid ta’ Assistenza Finanzjarja li se joffri protezzjoni aktar b’saħħitha lil persuni li jsofru ħsarat fil-proprjetà tagħhom minħabba attività ta’ kostruzzjoni. Din il-miżura, li twettaq wegħda elettorali oħra fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura, se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Novembru li ġej.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Attard, spjega li r-riforma tkompli ssaħħaħ il-prinċipju li l-iżvilupp għandu jsir b’responsabbiltà u li meta ssir ħsara, min ikun ġarrabha għandu jingħata rimedju effettiv, ġust u f’waqtu.
Permezz tas-servizz il-ġdid, persuni li ma jkunux laħqu ftehim mal-iżviluppatur jew il-kuntrattur involut se jkunu jistgħu jressqu talba quddiem l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Wara evalwazzjoni tal-fatti u determinazzjoni tar-responsabbiltà, il-BCA tkun tista’ tagħmel tajjeb finanzjarjament għall-ħsara kkawżata, filwaqt li sussegwentement tirkupra l-ispejjeż mingħand min ikun responsabbli, flimkien mal-interessi dovuti.
Il-Ministru Attard ħabbar ukoll li kull clearance tal-BCA maħruġa mill-1 ta’ Novembru ’l quddiem se tkun koperta minn dan il-qafas il-ġdid, sabiex ċittadini milquta minn danni relatati ma’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta minn dan il-mekkaniżmu.
Dr Attard spjega kif din il-miżura tindirizza żbilanċ li ilu jeżisti għal snin twal, fejn residenti milquta minn ħsara spiss kienu jkollhom iġorru spejjeż sostanzjali u jidħlu fi proċeduri twal sabiex ifittxu rimedju.
“Qed noħolqu sistema fejn iċ-ċittadin ma jibqax waħdu quddiem problema li ma jkunx ikkawża hu,” sostna l-Ministru.
Ir-riforma tinkludi wkoll il-konverżjoni tal-garanzija bankarja eżistenti f’mekkaniżmu aktar effettiv ta’ protezzjoni. Filwaqt li studju indipendenti mwettaq minn Grant Thornton identifika limitazzjonijiet fis-sistema preżenti, il-qafas il-ġdid se jittrasforma garanzija passiva f’waħda attiva li tista’ tintervjeni direttament favur persuni milquta.
Il-Ministru enfasizza li dan mhux fond tal-Gvern jew tat-taxpayer, iżda riżerva finanzjata mill-industrija u minn kull applikant, permezz ta’ kontribuzzjonijiet relatati mal-applikazzjonijiet għall-clearance tal-BCA. Dan se jsaħħaħ il-protezzjoni taċ-ċittadini mingħajr ma joħloq piżijiet ġodda fuq il-finanzi pubbliċi jew fuq il-konsumaturi.
Dr Attard irrimarka li l-inizjattiva tifforma parti minn riforma usa’ tas-settur tal-kostruzzjoni, li matul dawn l-aħħar snin wasslet għat-tisħiħ tal-BCA, l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ liċenzjar għall-operaturi, il-ħidma fuq il-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-iżvilupp tal-Skills Card u servizzi ġodda ta’ assistenza għaċ-ċittadini.
Huwa spjega wkoll li studju komparattiv internazzjonali sab li l-mudell Malti se jkun fost l-aktar sistemi avvanzati fil-protezzjoni ta’ persuni milquta minn attività ta’ kostruzzjoni, billi jgħaqqad taħt qafas wieħed servizzi ta’ assistenza, appoġġ professjonali bla ħlas, mekkaniżmi ta’ kumpens u setgħat ta’ rkupru mill-Awtorita.
“Din hija inizjattiva li tikkumplimenta u ssaħħaħ ir-rakkomandazzjonijiet li saru matul dawn l-aħħar snin, inklużi dawk li ħarġu mill-Inkjesta Pubblika Sofia. Iżda fl-istess ħin hija wkoll eżempju ċar tal-impenn tagħna li ma nillimitawx ruħna għall-implimentazzjoni tar- rakkomandazzjonijiet biss. Fejn rajna l-ħtieġa li mmorru pass ieħor ’il quddiem biex insaħħu l-protezzjoni taċ-ċittadin, għamilnieh,” saħaq il-Ministru Attard.
Huwa sostna li din il-miżura mhijiex kontra l-kostruzzjoni iżda favur kostruzzjoni aktar responsabbli, aktar kontabbiltà u aktar protezzjoni għar-residenti.
“Mill-1 ta’ Novembru, persuna li tbati ħsara minħabba kostruzzjoni mhux se titħalla waħedha. Se ssib Awtorità li tismagħha, sistema li tgħinha u Gvern li jinsab fuq in-naħa tagħha,” temm jgħid Dr Attard.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, il-Perit Roderick Bonnici, ta spjega ta’ kif se jitħaddem dan is-servizz, wara li ma jintlaħaqx qbil bejn it-terz u l-iżviluppatur dwar allegat ħsarat li jkun hemm b’rabta ma’ żvilupp ta’ kostruzzjoni, l-istess terz jagħmel talba lill-Awtorità. L-Awtorità, min-naħa tagħha, permezz ta’ Perit tivverifika li dawn il-ħsarat huma verament kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni, u l-istess talba titla’ quddiem Kumitat li japprova t-talba b’massimu ta’ €15,000.
“Dan is-servizz se jkun qed jinqasam f’erba’ passi prinċipali li huma: it-twaqqif ta’ xogħlijiet u l-Awtorità tintervjeni mal-ewwel bħala intermedjarju filwaqt li ssir evalwazzjoni mill-BCA tal-ħsarat; it-tieni pass, isir talba lill-Kumitat ta’ Riserva fejn min-naħa tiegħu japprova t-talba b’massimu ta’ €15,000; it-tielet pass, jiġi ffirmat kuntratt bejn il-BCA u pagament ta’ 50% qabel jibdew ix-xogħlijiet; ir-raba’ pass imbagħad ikun li l-BCA tiġbor il-flus maħruġa mingħand l-iżviluppatur,” spjega l-Perit Bonnici.
Intant, il-Perit Bonnici spjega li sal-lum il-ġurnata, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ma kinitx taċċetta ħlasijiet ta’ applikazzjoni, madankollu b’emendi legali li saru, mill-1 ta’ Novembru li ġej, kull żviluppatur irid jibda jħallas sabiex tiġi proċessata l-applikazzjoni tiegħu u tkun sostnuta din ir-riserva li ġiet maħluqa għal skop ta’ dan is-servizz ġdid. Il-kontribuzzjonijiet li jridu jsiru mal-applikazzjoni jirriflettu l-ispejjeż bankarji relatati mal-manteniment tal-garanzija bankarja kif inhi llum.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru s-Sur Ronald Mizzi, iċ-Chairman tal-Bord tal-BCA l-Perit Simon Saliba u numru ta’ stakeholders fis-settur tal-Kostruzzjoni.